Il-għaqda ‘LE b’Rispett Lejn il-Ġejjieni’ qed jitwaqqaf minn grupp ta’ żgħażagħ: ġuvintur u tfajliet, ħaddiema u studenti minn kull sfera tas-soċjeta’ Maltija, bil-għan li jitwassal quddiem l-elettorat Malti wiċċ realistiku tad-diversita’ żgħażugħa fil-pajjiz li qed jipproponu li f’Malta ma tidħolx il-ligi tad-divorzju.

Din id-deċiżjoni trid tittieħed, għalhekk huwa importanti li dawk iż-żgħażagħ kollha li fil-fond ta’qalbhom jaħsbuha bħalna, nhar it-28 ta’ Mejju joħorġu jivvutaw u jivvutaw LE.

Il-motivazzjonijiet individwali li wasluna biex nieħdu dan il-pass, li nitkellmu u nsemmgħu leħinnha, huma imsejsa fuq l-effetti Ekonomiċi, Soċjali u Legali li jinħolqu hekk kif id-divorzju ssir ligi.

Wednesday, May 25, 2011

Konferenza Stampa 25.05.2011 - 16h00 Valletta

F’Konferenza Stampa li saret fil-lukanda Phoenicia l-kelliem ewlieni tal-grupp Andrea Pace beda billi rringrazzja lil dawk kollha li kienu attendew l-attivitajiet tal-grupp tul dawn l-aħħar ħmistax.


Pace spjega li l-għan ewlieni tal-grupp kien li dan il-grupp ikun leħen iż-żgħażagħ f’din il-kampanja. Andrea Pace f’isem il-grupp “Le B’Rispett Lejn il-Ġejjieni” saħaq mill-ġdid il-tlett punti prinċipali tal-grupp, jiġifieri li d-divorzju mhuwiex dritt u li kwalunkwe konvenzjoni ssemmi d-dritt li tiżżeweġ u mhux id-dritt li tikseb divorzju. Pace spjega li mill-banda l-oħra id-drittijiet tat-tfal huma ċari u stabiliti. Pace spjega li l-grupp dejjem ħares lejn id-divorzju mill-lenti soċjali u dejjem esprima t-tħassib tiegħu għall-fatt li d-divorzju jġib miegħu faqar ġdid. Huwa saħaq li hija din is-sens ta' solidarjeta', li ma jinħoloqx faqar ġdid u li ninvestu fit-tisħiħ li jagħmilna kburin li aħna Ewropej.


Huwa esprima x-xewqa li bħala poplu ngħarfu nevalwaw bejn dak li hu l-aħjar għall-familji tagħna u fuq kollox għat-tfal tagħna. Pace ikonkluda li l-aktar argument b’saħħtu u vitali huwa dak tal-permanenza taż-żwieġ bħala l-aqwa mudell; mudell li jeħtieġ li ngħadduh lill-uliedna.


Matul il-konferenza stampa tkellem ukoll il-preżentatur popolari Jean Claude Micallef li spjega li jeħtieġ li nitkellmu fuq dak li qed jiġi propost, fuq xenarji reali fir-realta ta’ pajjiżna. Jean Claude Micallef saħaq li d-divorzju jaffetwa l-futur u għalhekk jagħmel sens li nħarsu b’rispett lejn il-ġejjieni. Huwa semma żewg eżempji; fl-ewwel każ semma mara’ li jiġi mpost fuqha d-divorzju u li din il-mara f’dan il-każ issir dipendenti fuq l-istat u staqsa x’ser jiġri fil-każ tal-pensjoni ta’ din il-mara li tkun spiċċat dipendenti u ma jkollix biżżejed snin ta’ ħidma sabiex tikseb pensjoni.


Jean Claude Micallef semma wkoll ix-xenarju fejn single parent li għandu t-tfal u jiżżeweġ u dan iż-żwieġ ifalli u jispiċċa f’divorzju, l-ulied li kien ta’ dan is-single parent qabel iż-żwieġ xorta ser jibqaw fl-istess stat ta’ ulied ta’ single parent. Huwa semma kif għaddeja kampanja li tweġġa li tgħati l-impressjoni li t-tfal ta’ koppji separati għandhom xi ħaġa inqas min ħaddieħor meta dan żgur mhuwiex il-każ. Jean Claude Micallef ikonkluda billi semma kif il-liġi proposta ma taħsibx f’kullħadd filwaqt li saħaq li jkun żbaljat min jaħseb li sabiex il-ħajja tkompli wara s-separazzjoni bil-fors hemm mil-ħtieġa ta’ żwieġ mill-ġdid. Huwa iddeskriva il-vot le bħala vot posittiv b’rispett lejn il-ġejjieni.


Il-konferenza stampa għalqet b’indirizz mill-Press Officer tal-grupp Angelo Micallef li spjega li nhar s-Sibt li ġej m’aħniex ser nkunu qed nivvotaw fuq kunċett in vacuum imma ser nkunu qed nivvotaq fuq proposta speċifika ħafna u għalhekk sabiex wieħed jasal għal deċiżjoni wieħed jeħtieġ ikun jaf x’fiha din il-proposta speċifika. Angelo Micallef spjega li huwa għal xejn li wieħed jibni fuq l-emmozzjoni u l-gimmicks għax fl-aħħar mill-aħħar wieħed irrid jgħix mhux bl-emmozzjoni li jqanqlu l-gimmicks imma bir-realta’ li sejra toffri l-liġi proposta jekk din tiġi approvata. Angelo Micallef spjega kif il-liġi proposta sejra ddaħħal divorzju unilaterali, jiġifieri divorzju fejn parti waħda tista’ tagħżel li tħoll ir-rabta li tkun saret bil-kunsens ta’ żewġ partijiet.


Li parti waħda tħoll rabta li tkun saret bil-kunsens ta’ żewġ partijiet hija ħaġa nkwetanti ferm għall-grupp “Le B’Rispett Lejn il-Ġejjieni”. Angelo Micallef spjega wkoll kif il-liġi proposta ser idaħħal divorzju bla tort li jfisser għalhekk li ma hemmx bżonn ta’ raġuni. Huwa spjega kif is-separazzjoni meħtieġa sabiex tikseb divorzju skond il-proposta tista’ jew tkun separazzjoni legali li tkun saret permezz tal-qorti jew nkella separazzjoni de facto jiġifieri każ fejn xi ħadd jista’ jkun sempliċiment ippakja u telaq mingħajr ebda proċess legali u mingħajr ebda raġuni.


Angelo Micallef semma wkoll kif jekk wieħed jara artiklu 77(1) tal-proposta li hemm bħalissa wieħed jiskopri li bħala prinċipju legali tidħol fis-seħħ sistema fejn jekk wara divorzju xi parti tagħżel li terġa tiżżeweġ il-manteniment minn naħa l-oħra lejn l-eks mara jew raġel skond il-każ jieqaf. Angelo Micallef saħaq l-manteniment lejn l-ulied huwa xi ħaga differenti u huwa garantit legalment, almenu teoretikament, a’ bażi li wieħed ikun ġenitur u mhux a’ bażi ta’ xi żwieġ. Artiklu 77(1) jaffetwa lill-mara jew lir-raġel u f’każ ta’ falliment tat-tieni żwieġ ukoll jista’ jwassal sabiex wieħed jispiċċa lampa stampa. Eċċezzjonijiet jistaw dejjem iseħħu permezz ta’ applikazzjoni iżda l-prinċipju legali qiegħed ċar daqs il-kristall f’artiklu 77(1).


Il-Konferenza Stampa għalqet permezz ta’ interventi miż-żgħażagħ preżenti fosthom Kevin Mercieca li saħaq li hemm bżonn ta’ studju serju f’dan ir-rigward qabel nagħmlu dan it-tip ta’ pass.

1 comment:

  1. L-AĦJAR "Stop My Divorce" Love Spell Casting huwa l-aħjar mill-aħjar meta niġu biex nipprevjenu dak id-divorzju bl-uġigħ u żommkom kemm kuntenti fl-imħabba. Ikkuntattja templeofanswer@hotmail.co.uk, whatsapp +2348155425481

    ReplyDelete